Open day at the archeological digs at the old church site.
After long weeks of carefully clearing overgrowth and rubble; sorting, recording and cataloguing all the remaining artefacts, the ruins of the old parish church are finaly open to public access.[>]
GO TO OFFICIAL SIGGIEWI LOCAL COUNCIL WEBSITE GO:[>]
SIGGIEWI.ORG is an independent community service.
Labore et Virtute
Xogħol u tjubija (virtu) huma fil-qalb ta' kull ħaddiem, għalija din hija t-tifsira tal-motto ta' raħal twelidi, is-Siġġiewi.
Biex nikteb fuq is-Siġġiewi, nista ngħid hafna dwar l-istorja, dwar il-bini, il-knejjes u l- palazzi; dwar in-natura, l-widien u l-ghelieqi, iżda x'hinu raħal jekk mhux in-nies li jagħmluh? Nies bħal Ġamri, li jaħdem ir-raba' fil-Fawwara, dejjem lest jgħinek u jisimgħek. Jew Dun Nikol, jippassigga mid-dar għal knisja u lura. Nkella Ewsebju hemm jgħasses barra mill-kazin tal- festival brass band. Nsomma nista' nsemmi ukoll lil min m'għadux magħna, bħac-Ciccinu bil-ħanut tat-take away u li kien attiv sew fil- festa ta' San Nikola. Issa xgħolu jkompli b'uliedu.
Meta ssemmi is-Siġġiewi, wieħed bilfors irid jitkellem fuq San Nikola ta' Bari. Wiehed mill- poeti tagħna s-Siġġiwin, Patri Ġuże' Delia iddiskriva lill-Patrun tagħna b'dal-kliem melodjuz:
Missier tagħna, għażiż Nikola,
Fl-art, fis-sema Qaddis kbir,
Ġieh u qima ntuk irridu
Għax jistħoqqlok kull tifhir.
Inti l-Anġlu ta' ħajjitna,
Inti d-dawl u l-qawwa tagħna,
Fit-tiġrib li jdallam fuqna
Inti dejjem waqaft magħna
Dawn il-kliem, tant huma tifsira tajba ta' l- imħabba li għandhom is-Siġġiwin lejn dan il- qaddis kbir, li nkantawhom ta' sikwit, specjalment f'Ġunju u fis-6 ta' Dicembru. Dan l-ahhar iltqajt ma' wieħed minn Bari. Għidtlu bil-festa u gie għall-festa (anke' minhabba l-fatt li hu minn Bari). Baqa' mpresjonat bil-festa u t-tifħir xieraq li nagħtu lejn il-qaddis, patrun anke' tal-belt ta' Bari. Il-qima lejn San Nikola x'aktarx li nġiebet lejn xtutna minn religjuzi Griegi, probabilment mas- seklu XII (jew qabel). Il-kappella ta' San Niklaw li għandha oriġini mis-seklu XII turi kemm il- qima lejn San Nikola hija tradizzjoni sew antika fl-inħawi tas-Siggiewi. Barra l-kappella ta' San Niklaw, insibu l-fdalijiet tal-knisja l-qadima. Din kienet twaqqghet b'ordni ta' l-Isqof Cocco Palmieri wara li bdiet tintuza l-knisja parrokjali l-ġdida. Mill-parrocca l-qadima baqa' biss partijiet ta' l-artal b'kolonni barokki l-ġmiel tagħhom.
Fl-1676 kien beda x-xogħol fuq il-parrocca l- ġdida. Din ġiet imkabbra u mżejna b'portiku f'nofs is-seklu XIX taht il-gwida ta' Dr. Nikola Zammit. Bejn l-ewwel u t-tieni gwerra nbiet il- koppla hekk kif nafuha llum. Tajjeb li nsemmi li x-xogħol tal-bini kien f'idejn Mastru Pietru Mallia li huwa l-bużnannu tiegħi. F'dak iż- żmien ukoll, l-knisja ssebbhet bil-pitturi mas- soqfa u l-ħnejjiet. Is-sakristan ta' dak iz-zmien, Salvu Scicluna, għandu wiccu mpitter bħala wieħed mill-baħħara fix-xena ta' għargħar. Bejn widien, għoljiet u baħar.
Bejn widien, għoljiet u baħar
Is-Siggiewi mhux biss wirt storiku u kulturali, iżda għandu wkoll id-don ta' natura l-ġmiel tagħha. Nsemmi wied il-Girgenti, fejn ibejjed il- kuccard. Fejn il-wied hu mħaddar is-sena kollha. Fejn ukoll l-Inkwizitur għogbu jibni palazz għall-kwiet, biex jeħles mill-Birgu u d- dmirijiet tiegħu.
Ftit il-boghod mill-palazz ta' l-Inkwizitur, insibu l-ogħla post f'Malta, li hu ta' 220m 'il fuq mill- baħar. Is-Salib ta' l-Gholja (jew Laferla Cross) li jiddomina l-gżira tagħna, inbena fl-1903 biex ifakkar il-bidu tas-seklu XX. Minn ta' l-Għolja nistgħu ngħaddu lejn ta' Żuta, fejn wieħed għandu jammira il-ġmiel ta' l-irdum u jista jimxi maż-żigużajk li jwasslek sal-paci tal-Fawwara (hemm, fejn ifawwar l-ilma). Ftit il-boghd mill-Fawwara, f' Gebel Ciantar u preciżament quddiem il-kappella ta' l- Annunzjata, nħobb nieqaf bir-rota u nitpaxxa bil-pjanura li mill-parrocca tifrex għal Hax- Xluq, tal-Providenza, San Niklaw, Għar Lapsi u l-kosta tan-nofsinhar. Imbagħad b'Filfla, hemm waħidha, waħidha f'nofs il-bahar.
Il-Gran Mastri ukoll għoġobhom sew l-inħawi tas-Siġġiewi, tant li fl-1588 il-Gran Mastru Hughes de Verdalle bena palazz għas-sajf u żejnu b'masġar żgħir li llum kullħadd jafu bħala l-Buskett.
Bejn il-Buskett u ta' l-Għolja jinstab Għar il-Kbir. Dan huwa x'aktarx l-unika posta f'Malta fejn kien abitat min-nies minn żmien il-ġebel sa nofs is-seklu XIX meta l-militar Ingliz kecca lil dawn in-nies il-barra minn Għar il-Kbir.
L-isem Siggiewi minn fejn gej?
M'hemm l-ebda' certezza minn fejn ġejja l- kelma Siġġiewi. Hemm min irid jgħid li dan l- isem ġej mill-kelma siġġu, għax qisu bħal jagħmel siġġu bejn l-Għolja u l-art baxxa ta' Ħal-Qormi u l-Marsa. Naħseb li dan mhux ħsieb serju. Il-kelma siġġu ġejja mit-Taljan (seggio, seggiola, sedia) u c-centru tar-raħal tas-Siggiewi jidher bic-car li hu ferm iktar antik minn meta hawn Malta bil-kavallieri, bdiet tidhol l- influenza ta' l-ilsien Taljan. Il-parti l-qadima tar- raħal (Ħal Mija) għandha origini mid- dominazzjoni Għarbija tal-gżejjer Maltin. Barra minn hekk, is-Siġġiewi jissemma fl-ewwel u l- eqdem document tal-parrocci Maltin ta' l-1436; meta il-Papa Eugenio IV ta l-kunsens tiegħu biex f'Malta isiru (l-ewwel) għaxar parrocci f'Malta, fosthom is-Siġġiewi.
Waħda mit-tifsiriet li naħseb tagħmel iktar sens hi li l-isem Siġġiewi huwa kelma mkissra minn Seggeo jew Segeyo. Dan kien isem ta' familja nobbli (x'aktarx Spanjola) li kella bosta art f'dawn l-inħawi, pero s'issa għad m'hemm l- ebda evidenza storika ħlief xi mapep tas-seklu XVI fejn is-Siġġiewi jissemma' bħala Casale Siggeo. Il-kelma Casale hija Taljana li tfisser raħal żgħir jew hamlet bl-Ingliż.
Oħrajn argumentaw li l-isem Siġġiewi ġej minn kelma semitika Saggia li tfisser prosperita jew kburija.
Prosperita u kburija huma veru żewġ kelmiet li jixirqu lil dan ir-raħal, u nispicca bil-kliem tal- Poeta romantiku Siġġiwiż, Karmenu Vassallo “Seta' kien akbar - seta' kien isbaħ, Raħal twelidi - jogħġobni sħieħ: U dinja ġdida – u ġenna ġdida, Id-dawl ta' mħabbti – jurini fih!” Kliem seincier dwar dik ir-rabta bikrija li aħna nagħmlu ma' art twelidna.
Words and pictures by Martin Scicluna 2006. You'll find more of Martin's pictures on Flickr

